Il-Gvern qed jitlef il-kontroll tal-finanzi pubbliċi Ċifri - TopicsExpress



          

Il-Gvern qed jitlef il-kontroll tal-finanzi pubbliċi Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonfermaw żieda allarmanti ta’ 10% fid-defiċit tal-Gvern. Xahar wara xahar, il-Gvern qiegħed iżid in-nefqa tiegħu mingħajr ma jżid bl-istess rata d-dħul biex jagħmel tajjeb għal din iż-żieda. Dan qed ipoġġi l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż f’periklu. Bejn Jannar u Ġunju, l-ispiża tal-pagi tas-settur pubbliku kibret b’€25 miljun. Dan jorbot maċ-ċifra l-oħra ppubblikata din il-ġimgħa li turi kif il-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu b’madwar 1,500 meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Din hija żieda li jrid iħallas għaliha kull taxpayer. Minkejja l-assigurazzjoni tal-Gvern li n-nefqa pubblika hija taħt kontroll, jidher ċar li l-Gvern qiegħed jitlef ir-riedni tal-finanzi. Dan qed iwassal biex qed ikompli jikber id-dejn pubbliku minkejja l-ħafna wegħdi tal-Partit Laburista li se jnaqqas id-dejn. Minflok, id-dejn qed jiżdied b’rata mgħaġġla. Dan se jkollu wkoll effetti negattivi, inkluż il-periklu ta’ passi ulterjuri mill-Unjoni Ewropea – li diġa’ ordnat lill-Gvern inaqqas id-defiċit u d-dejn, jekk pajjiżna ma jilħaqx il-miri fiskali. Quddiem dawn iċ-ċifri, l-Gvern għandu jgħid x’passi qed jieħu u se jieħu biex iġib is-sitwazzjoni finanzjarja lura taħt kontroll. Mario de Marco Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Tonio Fenech Kelliem għall-Finanzi Kristy Debono Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittivita’
Posted on: Sat, 26 Jul 2014 11:08:27 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015