Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani f’Jum - TopicsExpress



          

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani f’Jum l-Anzjani Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Anzjani, għada t-Tlieta, 1 ta’ Ottubru 2013, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani ta’ Malta u Għawdex u jirrikonoxxi r-riżorsa importanti ta’ pajjiżna li hi l-esperjenza tal-anzjani. L-anzjani ta’ pajjiżna huma l-aqwa għassiesa tal-valuri li jiddistingwuwna bħala poplu. Huma rabta importanti bejn ilbieraħ u llum. Fuq kollox, l-anzjani tagħna qed jagħtu ħafna lil pajjiżna. Huma forza qawwija ta’ volontarjat. Issibhom fil-familji jindukraw u jieħdu ħsieb lin-neputijiet biex uliedhom ikunu jistgħu jmorru jaħdmu. Issibhom jagħmlu ħidma volontarja fil-kunsilli lokali, fl-għaqdiet kulturali, fil-parroċċi, fil-każini u tant setturi oħra. Jagħtu l-ħin u l-ħila tagħhom mingħajr ma jistennew xejn lura. F’dan il-jum, l-Oppożizzjoni ma tistax ma tesprimix it-tħassib tagħha dwar il-fatt li l-anzjani huma fost l-aktar li qed jintlaqtu bin-numru allarmanti ta’ mediċini out of stock. Dan qed joħloq tbatija kbira lill-anzjani għax meta jkunu kostretti li jixtru l-mediċini, ikun qed jitnaqqrilhom il-livell tal-għajxien tagħhom. L-anzjani qed jintlaqtu wkoll mill-għoli sostanzjali fil-prezzijiet tal-ikel li qed jiżdiedu b’rata li taqbeż is-7%. Dan jolqot l-aktar lill-familji bi dħul baxx, fosthom l-anzjani, li parti aktar tan-nefqa tagħhom tmur fuq l-ikel. Daqstant ieħor, l-Oppożizzjoni titħasseb li fl-ewwel sitt xhur tiegħu, il-Gvern preżenti għadu ma ħasibx biex iżid in-numru ta’ sodod għall-kura fit-tul għall-anzjani. Pajjiżna għandu popolazzjoni li qed tixjieħ u l-Gvern irid joħloq minn tal-anqas 150 sodda ġdida fis-sena. Jidher li dan il-Gvern sa issa mhux biss ma ħax passi biex din is-sena jżid dan in-numru ta’ sodod, imma ma jidhirx li għandu pjanijiet biex dan isir fil-ġejjieni. Ta’ min ifakkar li fil-ħames snin li għaddew, Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien żied in-numru ta’ sodod għall-anzjani b’aktar minn elf sodda. Il-Gvern ta’ Muscat ma jistax jonqos milli jżid sodod ġodda għall-anzjani, għaliex anke jekk jonqos għal sena waħda biss il-Gvern se jkollu riperkussjonijiet serji, saħansitra fuq Mater Dei fix-xitwa li ġejja. Daqstant ieħor, il-Gvern għadu ma ħabbarx xi pjanijiet għandu biex ikomplu jiżdiedu u jinfirxu s-servizzi għall-anzjani fil-komunità, fosthom id-day centres jew in-night shelters. F’dan il-jum, il-Partit Nazzjonalista jrid isellem lill-anzjani kollha u jirringrazzjahom għall-ħafna li taw u għadhom qegħdin jagħtu lil pajjiżna. Bħala poplu għandna tabilħaqq dejn kbir lejn l-anzjani tagħna. F’dan il-jum, l-Oppożizzjoni trid tieħu l-okkażjoni biex issellem ukoll lil dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani kemm fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani jew fil-komunità, kif ukoll lil dawk il-familjari li jieħdu ħsieb qraba anzjani.
Posted on: Tue, 01 Oct 2013 03:49:47 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015