Messaġġ mill-bank tad-demm: Ottubru hu sinonimu mal-ħarsien - TopicsExpress



          

Messaġġ mill-bank tad-demm: Ottubru hu sinonimu mal-ħarsien tas-sider (partikularment tan-nisa), l-għarfien tal-kanċer tiegħu u s-sapport meħtieġ għalih. Biex tikber il-kuxjenza dwar dan, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm iħeġġeġ lill-pubbliku biex tul dan ix-xahar jilbes iż-żigarella r-roża. Aktar min hekk is-Servizz jappella għall-għoti tad-demm bil-ħsieb li jiġu mgħejjuna numru ta’ pazjenti li bħalissa qed jieħdu t-trasfużjonijiet tad-demm bħala parti mill-kura għal dan it-tip ta’ kanċer. Intant l-għoti tad-demm fli-jiem li ġejjin jista’ jsir: • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM (7 ijiem fil-ġimgħa) mit-8:00 am sas-6:00 pm. • fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 12 t’Ottubru bejn it-8:30am u s-1:00pm ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm maġenb Iċ-Ċentru Pastorali San Luqa (żona tan-Nigret), Ir-Rabat. Matul din is-sessjoni professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja ser joffru servizzi relatati mas-saħħa, fosthom kejl tal-pressjoni u l-livell ta’ zokkor fid-demm, waqt li oħrajn mid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ser jagħtu pariri u nformazzjoni fuq is-saħħa. • fis-sit għall-għoti tad-demm fid-daħla għas-Swali l-Kannella fl-Isptar Mater Dei, li kull nhar ta’ Tnejn ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mis-2:00pm sas-7:00pm. Il-pubbliku hu mitlub isegwi t-tabelli fil-kurituri tal-isptar. • fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li nhar it-Tlieta 14 t’Ottubru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm. Huwa importanti li wieħed iġib il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
Posted on: Thu, 09 Oct 2014 08:56:28 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015