Mhux veru li l-Bank Ċentrali Ewropew impona karigi ġodda - TopicsExpress



          

Mhux veru li l-Bank Ċentrali Ewropew impona karigi ġodda fil-Bank Ċentrali ta’ Malta Ir-rapport tal-aġenzija Moody’s Il-Prim Ministru Muscat jiġi fi kliem l-Oppożizzjoni Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni tal-aġenzija Moody’s li filwaqt li ma tbiddilx ir-rating ta’ pajjiżna, ittejjeb il-mod ta’ kif tħares lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna għal wieħed stabbli. Dan l-aħbar hu importanti għall-prospetti ta’ pajjiżna li jattira l-investiment u joħloq aktar postijiet tax-xogħol sabiex ipatti għaż-żieda mhux żgħira fil-qgħad li kien reġistrat fl-aħħar ftit xhur. Fl-istqarrija tagħha Moody’s tagħti tliet raġunijiet ewlenin għad-deċiżjoni tagħha. Dawn huma s-s-saħħa tal-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna, it-tisħiħ taż-żona ewro, kif ukoll is-saħħa tas-settur finanzjarju u bankarju ta’ pajjiżna, ilkoll wirt lil pajjiżna frott il-ħidma ekonomika u finanzjarja ta’ Gvern Nazzjonalista preċedenti. Kuntrarju għall-aġenzija Fitch, li esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha għall-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna, jidher li l-aġenzija Moody’s tat rata stabbli lil pajjiżna wara li ġiet mgħarrfa li ser jiġi ppreżentat pjan dwar kif il-Gvern qed jipproġetta li jkompli jnaqqas id-defiċit għal taħt it-3% fl-2013. Dan ikompli jikkonferma li d-downgrade tal-Fitch ingħatat għax il-Gvern ħalla lil kulħadd fil-għama għal wisq żmien u ma ppreżentax pjan ta’ azzjoni konkret fil-ħin dwar kif se jżomm id-defiċit taħt it-3%. Għalhekk ukoll il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq għal dawn l-aħħar xhur li l-Gvern għandu jkollu pjan ċar dwar l-ekonomija u dwar ix-xogħol. Fl-istqarrija tiegħu lbierah, il-Prim Ministru reġa pprova jaħbi n-nuqqas ta’ politika finanzjarja tiegħu billi jwaħħal f’ta’ qablu. Li ma stqarrx il-Prim Ministru Muscat ilbierah hu li ġie fi kliem il-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex meta l-Kummissjoni Ewropea daħħlet lil Malta fl-Excessive Deficit Procedure f’Mejju li għadda, il-Prim Ministru Muscat minn Brussel stess kien iddikjara li kien irnexxielu jikkonvinċi lill-Kummissjoni Ewropea li kien se jżomm id-defiċit taħt it-3% mingħajr ma jieħu l-miżuri addizzjonali li kienet qed titlob minnu l-Kummissjoni wara li pprevediet li d-defiċit għall-2013 se jitla għal 3.6%. Dakinhar, il-Partit Nazzjonalista kien wissa li dak li kien qiegħed jgħid il-Prim Ministru Muscat ma kienx minnu, tant li l-istess rapport tal-Kummissjoni Ewropea kien qed jesiġi li l-Gvern sa Ottubru jippreżenta programm ta’ aġġustament ta’ mhux anqas minn 0.4% tal-GDP, li jammonta għal tnaqqis ta’ €30 miljun, għal din is-sena. Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jgħid ċar li: “Malta would need to adopt additional consolidation measures of around 0.4% of GDP in 2013, on top of the measure already included.” B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea obbligat lill-Gvern Malti jidħol f’kuntratt magħruf bħala “economic partnership programme” magħha. Dak li ser jippreżenta l-Gvern nhar it-Tnejn mhuwiex rapport magħmul fuq inizjattiva tal-Gvern iżda l-economic partnership programme li ġie impost fuq pajjiżna mill-Kummissjoni Ewropea, frott id-deċiżjonijiet ħżiena meħudin mill-Prim Ministru. Jidher ċar li l-Kummissjoni Ewropea baqgħet tinsisti mal-Gvern li jrid isir dan il-pjan sakemm waslet biex ordnatlu jieħu numru ta’ miżuri ġodda u li jippubblikahom. Dawn huma miżuri addizzjonali li Malta ser ikollha tħallas għalihom biex tpatti għan-nefqa żejda u bla rażan ta’ pagi ġodda, promozzjonijiet u perkaċċi għal tal-qalba. Il-Partit Nazzjonalista jittama li mhux ser jispiċċa jħallas il-poplu Malti u Għawdxi, bi tnaqqis fl-infieq meħtieġ f’setturi sensittivi, fosthom is-servizzi soċjali u s-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u fl-għajnuniet lis-setturi differenti tal-industrija u tan-negozju biex nagħmlu tajjeb għal dak li ħatfu tal-qalba. Fl-istess waqt, il-Gvern Laburista hu politikament responsabbli milli jżomm l-wegħdi elettorali li fuqhom ġie elett, fosthom l-għoti ta’ childcare b’xejn għal kulħadd, li jitwasslu l-mediċini b’xejn fid-djar tan-nies, l-għoti lura tal-VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, l-għoti tat-tablets lit-tfal fl-iskejjel, li jħallas l-overtime lill-Pulizija, ikompli jagħti ż-żieda fil-penzjoni tas-servizz u t-tnaqqis tal-income tax. Mario de Marco Viċi Kap għall-Ħidma tal-Parlament Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Tonio Fenech Kelliem għall-Finanzi Kristy Debono Kelliema għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku
Posted on: Mon, 07 Oct 2013 18:18:45 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015