Muscat qed ibaxxi l-istandards ta’ pajjiżna għall-agħar - TopicsExpress



          

Muscat qed ibaxxi l-istandards ta’ pajjiżna għall-agħar fl-Ewropa Qabel l-elezzjoni l-Prim Ministru Muscat kien wiegħed li jagħmel lil Malta l-aqwa fl-Ewropa, iżda s’issa rnexxielu biss ibaxxi l-istandards ta’ pajjiżna f’livelli skandalużi ta’ nepotiżmu, nuqqas ta’ etika u partiġġjaniżmu. Dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna hu riżultat ta’ politika perikoluża. Il-Prim Ministru Muscat wiegħed bidla fid-direzzjoni iżda din il-bidla kull ma jmur qed tibgħat lil Malta lura. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi djalogu li sar fl-Uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista fil-Mosta. Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega kif f’din l-aħħar ġimgħa l-Gvern ta’ Muscat baxxa l-istandards tat-tmexxija ta’ pajjiżna darba wara l-oħra. L-ewwel sirna nafu li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ingħatat job mal-Gvern mingħajr l-ebda sejħa pubblika u b’mod irregolari għall-aħħar. Jirriżulta li l-mara tal-Ministru ngħatat grad ta’ Ambaxxatriċi għal Malta u ser tibda tieħu paga ta’ ‘l fuq minn €2,000 fil-ġimgħa. Dan fl-istess ġimgħa li l-Ministru Mizzi ftaħar li se jraħħas il-petrol b’sitt ċenteżmi għal tliet xhur għall-familji Maltin u Għawdxin. Aktar tard fil-ġimgħa, ġie mġiegħel jirriżenja l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta. Wara l-ingann u l-qerq tal-istqarrijiet tal-Ministru Manwel Mallia tul il-ġimgħa, issa l-Gvern Laburista irnexxielu jeħles mill-Kap Kmandant u d-deputat tiegħu. B’hekk, issa l-FAM waslet fi stat fejn l-unika kwalifika li hemm bżonn biex tiġi ngaġġat fil-Forzi Armati huwa li tkun parti mill-ftit viċin tal-Prim Ministru Muscat u l-Ministri tiegħu. Dr Busuttil stqarr li meta wieħed jara manuvri daqstant perikolużi, hu ovvju li l-fiduċja tan-nies f’dawn l-istituzzjonijiet tant importanti tibda tintemm. Dr Busuttil staqsa fejn tinsab il-lealtà tal-Forzi Armati, lejn il-poplu Malti u Għawdxi, jew lejn il-Partit Laburista? U meta lkoll naraw dawn il-manuvri fil-Forzi Armati, kif jista wieħed ikollu fiduċja fil-Kap Kmandant il-ġdid li se jintgħażel mill-Prim Ministru Muscat? L-istess japplika għall-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, wara li issa ħareġ fil-beraħ li minflok ra li l-ġustizzja ssir b’mod ugwali għal kulħadd, ipproteġa l-interessi tal-Prim Ministru Muscat. Zammit waqqa’ l-każ kontra John Dalli sempliċiment għax din kienet ix-xewqa tal-Prim Ministru Muscat. Minkejja li l-Avukat Ġenerali u l-ex-Kummissarju John Rizzo kellhom biżżejjed provi biex iressqu lil John Dalli l-Qorti u qablu li jagħmlu dan, il-Kummissarju l-ġdid maħtur minn Muscat waqqa’ l-każ konta l-ex-Kummissarju Ewropew Malti. Dr Busuttil fakkar kif Dalli baqa’ ‘l-bogħod minn Malta għal xhur sħaħ, iżda rritorna lura Malta meta kellu rasu mistrieħa li l-Kummissarju l-ġdid ma kienx se jressqu l-Qorti. Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li dawn l-avvenimenti kollha huma skandalużi u qegħdin ibaxxu l-l-istandards tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fl-agħar livelli li qatt kienu. Muscat kien kapaċi jbiegħ lilu nnifsu biex jirbaħ elezzjoni b’wegħdiet foloz ta’ meritokrazija, trasparenza u kontabbiltà, iżda issa qegħdin nindunaw kemm dan kollu kien ingann. Għal Muscat kollox jgħaddi jekk jaqdi l-funzjoni li jipproteġi l-interessi tiegħu u tan-nies ta’ madwaru. Waqt id-djalogu tkellmu d-deputati parlamentari Robert Arrigo u Dr Joseph Cassar, kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Helga Ellul, u Denise Ellul, spiżjara li għandha spiżerija fin-nofsinhar ta’ Malta, li stqarret li l-Gvern tilef kontroll tas-sitwazzjoni tal-mediċini out-of-stock.
Posted on: Tue, 01 Oct 2013 03:50:54 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015