SERVIZZ GĦALL-ISTUDENTI Ikkummenta dwar in-natura kif tidher - TopicsExpress



          

SERVIZZ GĦALL-ISTUDENTI Ikkummenta dwar in-natura kif tidher fil-poeżija tradizzjonali. (A Level biss) Ikkummenta dwar it-tema tat-tiġrib fil-poeżija tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin. ‘Busy griefs” - Il-problema tal-ħajja fil-poeżija Maltija Tarċisju Zarb Għal xi raġuni jew oħra l-poeżija nassoċjaha ma’ problemi eżistenzjali. Għalhekk jiġu malajr quddiem għajnejja kliem bħal dwejjaq intimi, il male di essere, solitudni, melankolija, ‘busy griefs’ (W.H. Auden), ‘a new emptiness’ (Ted Hughes), waħdi, diqa u qtigħ il-qalb. Madanakollu l-poeżija hija esperjenza li għandha l-ħila tagħmel mill-esperjenza umana, esperjenza ‘capable of eternity’ (Rilke). Hija għandha wkoll effett kinetiku (Stephen Dedalus), effett li jfisser li dak li jiġri fuq livell intimu u personali jħalli l-effett tiegħu fuq il-bqija tas-soċjeta’. Eżempju ċar ta’ dan insibuh fil-poeżija ta’ Slyvia Plath li ħalliet effett kbir fuq il-femminiżmu. Din id-daħla tagħtina fil-qosor il-problema eżistenzjali li fil-letteratura Maltija tieħu sfumaturi differenti skond Iż-żmenijiet differenti. Kif nafu kull żmien ikollu dak li jissejjaħ id-‘discourse’ tiegħu. Dan Iħalli influwenza fuq il-mod kif jaħsbu, ‘Iħossu’ u jiġru ruħhom in-nies. Il-poeta kif nafu huwa bniedem b’sensittivita’ aktar pronunzjata minn dik tal-‘bniedem komuni’ u għalhekk huwa parti wkoll minn dan id-‘discourse’. Imma minħabba l-fatt li huwa ta’ xeħta ‘devjanti’ għandu ċ-ċans jew isaħħaħ id-discourse jew inkella sseħħ il-qabża fil-paradimma u b’hekk jgħin lill-kultura li minnha jkun ħareġ biex tgħaddi għal fażi oħra. Fil-poeżija Maltija kien Dun Karm li fisser il-problema ta’ l-eżistenza, b’vers endekasillbu, qawwa, b’saħħtu u metaforikament iffullat fil-poema ‘Il-Jien u lilhinn Minnu.’ Hawnhekk il-poeta jmur fuq vjaġġ, fil-figura tal-pellegrin agħmi, itektek għasluġ jipprova jifhem il-‘problema’ tat-twemmin. Il-vjaġġ hawnhekk qiegħed isir qalb il-kampanja, fl-istess tradizzjoni tal-poeti romantiċI li dejjem fehmu l-ħtieġa li ‘jitnaddfu’ minn ħtijiethom (il-proċess katartiku) permezz tan-natura. Il-poeta hawnhekk jgħaddi bejn żewġ ħallel. Il-ħalla tal-ħsieb u l-ħalla tal-ħass. Il-ħalla tar-raġuni u l-ħalla ta’ l-intuwizzjoni. Kellha tkun ommu, il-Beatrice tiegħu li fl-aħħar twasslu biex jifhem li hemm Alla u li anke l-istess art kienet tippronunzja dan. Din il-‘problema eżistenzjali’ ta’ Dun Karm kienet tqajmet wara l-mewt ta’ ommu li magħha kien marbut b’imħabba kbira. Il-poeżija l-Kanarin tiegħI ta’ l-istess poeta wkoll tkompli fuq dan l-isfond ‘eleġjajku’ hekk kif il-poeta jitkellem ma’ dan il-kanarin u jurih kemm hi sabiħa l-ħajja ta’ għasfur li ma ‘jaħsibx’ u għalhekk mhuwiex konxju ta’ l-inġustizzji tal-madwar. Is-soluzzjoni, madanakollu għal dan l-istat ta’ fatt tibqa’ dejjem il-fidi u t-twemmin fil-ħajja ta’ lil hinn. |jara lil Ġesu’, poeżija oħra ‘narrattiva’ ta’ Dun Karm tkompli turi fil-poeta s-sens ta’ tfittxija, fi sfond ta’ vjaġġ mitiku, din id-darba bejn sema, art u baħar u l-poeta li jsib ruħu quddiem Ġesu’ Sagramentat. Hawnhekk jerġa’ jsib is-saħħa li kellha tgħinu biex ikompli l-vjaġġ tiegħu tal-ħajja. Dawn il-poeżiji ta’ Dun Karm huma kollha romantiċI. Din l-għażla min-naħa tagħha turi li dawn huma poeżiji li jagħtu importanza lill-emozzjoni, lill-ħsus aktar milli lir-rigoriżita’ ta’ l-intellett. Il-fatt li poeta jikteb poeżiji b’dan il-ġeneru hija stqarrija ta’ viżjoni. Fl-istess viżjoni romantika jidħlu Ġan Anton Vassallo, li b’xi mod nistgħu nsejħulu l-‘prekursur’ (dak l ġie qabel) Dun Karm. Bniedem pjusttost dipressiv huwa wkoll beka l-imgħoddi u saħaq fuq il-kredu romantiku. Anastasju Cuschieri min-naħa l-oħra wkoll kien Iħobb ‘jaħseb fuqek ja ħajja tad-dmugħ’ filwaqt li jemmen b’fidi kbira fl-omm mistika - il-Madonna - u l-patrija, l-aktar kif tidher fil-lingwa. Il-kredu romantiku jibqa’ jidher ukoll f’Karmenu Vassallo - il-Leopardi Malti - il-poeta li kien jemmen li jkun sabiħ li wieħed jegħreq f’dan il-baħar. Il-bniedem tax-xewqa tal-mewt. Il-bniedem li jinħass li ma setax jara l-ħajja l-istess kif kienu jarawha n-nies ta’ madwaru. U għalhekk ma jistax jgħanni l-innu ċelebrattiv tal-ħajja. Huwa kien il-bniedem li kien jemmen fil-ġustizzja u s-sewwa, xi ħaġa li ma setax jaraha fin-nies ta’ madwaru. Dan wasslu biex ikun bniedem ta’ psikoloġija ta’ estremi, melankoniku u iperboliku. Fil-qiegħ nett ta’ ruħu madanakollu kellu fidi qawwija. Dan il-musbieħ, jew aħjar fjamma kien jgħinu biex jibqa’ sejjer fil-vjaġġ tal-ħajja. Ġorġ |ammit min-naħa l-oħra ħoloq il-mit ta’ l-ambjent Malti fin-naħa reliġjuża u patrijottika tiegħu. Huwa kien jemmen li r-ruħ Maltija kellha terġa’ tmur lura lejn Iż-żmien tad-deheb ta’ l-imgħoddi u mhux tiġI mmexxija mill-forzi tas-suq u tal-mibegħda. Għal dan il-għan il-poeżiji tiegħu b’mod speċjali L-Għanja tas-Seba’ Niċeċ u L-Għanja tas-Seba’ Għerien juru sewwa sew il-vjaġġ tiegħu li jmur u jsib lilu nnifsu fl-eżempji ta’ l-imgħodd kemm bħala nisrani kif ukoll bħala Malti. It-toroq li jimxi huma toroq remoti u l-ambejtni u li jżur huma ambjenti ‘’l bogħod mill-agħa tan-nies. Għallinqas hekk kienu fiż-żmenijiet meta huwa għamel il-vjaġġI spiritwali u fiċI tiegħu. Il-qofol tal-problema f’dawn il-poeti romantiċI kienet il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-ħajja u l-mewt, il-ġdid u l-qadim. L-istil min-naħa l-oħra kien romantiku, l-istess kif kien romantiku l-kredu tagħhom. Mhux hekk ġara fis-snin sittin. Issa d-dinja kienet inqalbet. Issa jidher li kienet dieħla konxjożita’ ġdida. Imma l-problemi eżistenzjali baqgħu hemm. Il-lingwa, il-kredu u l-kitba madanakollu ħadu xejra ġdida. Filwaqt li l-poeti romantiċI kellhom il-kredu romantiku mibni fil-qofol tiegħu fuq il-patrija u r-reliġjon issa beda jidħol ċertu sens ta’ ‘ma nafx fejn jien’ li għalkemm jaqbel ma’ dak ta’ Dun Karm, f’Il-Jien u lilhinn Minnu, issa kien qiegħed jieħu bixra ‘moderna’. Kif nafu l-moderniżmu għalkemm żamm xi wħud mix-xejriet romantiċI daħħal ħafna problemi. Dan b’mod speċjali jekk inżommu f’moħħna li fis-snin sittin, għallinqas barra minn Malta beda dieħel l-istrutturaliżmu u aktar tard il-poststrutturalżmu. Kif nafu dawn il-perspettivi li jafu l-qofol tagħhom lil de Saussure bil-lingwistika strutturali tiegħu bdew jitfgħu dawl qawwi fuq naħiet oħra tal-bniedem. Levi Strauss ngħidu aħna pprova jsib il-qiegħ tal-miti u b’hekk skopra x’immaġinazzjoni kbira għandu l-bniedem. Il-psikoanaliżi bdiet turina li fil-bniedem hemm l-id, l-ego u s-superego. Dawn qegħdin hemmhekk jiġġieldu bejniethom bl-ego jipprova joħloq xi tip ta’ kunsens bejn l-istint (l-id) fuq naħa u l-kuxjenza (is-superego) fuq in-naħa l-oħra. Marx min-naħa l-oħra sar moda ħafna u dawk li kienu jippropagaw l-ideat tiegħu kienu tal-fehma li l-bniedem jagħraf lilu nnifsu sempliċiment fil-pożizzoni li jokkupa jiġifieri jekk hux dik ta’ ħaddiem jew imħaddem. Althusser min-naħa l-oħra uriena li filwaqt li l-kredu romantiku kien jagħfas l-aktar fuq il-jien bħala l-kredu ta’ kollox, issa sirna midħal ta’ kliem bħal dikostruzzjoni. Dan kien ifisser li issa l-bniedem ma baqax Iċ-ċentru ta’ kollox. U aħna neżistu biss u nagħrfu lilna nfusna skond ir-relazzjonijiet li jkollna ma’ ta’ madwarna. Ovvjament irridu nżommmu f’moħħna li dan kollu kien ukoll ir-riżultat ta’ Galileo Galilei li kien qalilna ċar u tond li mhux id-dinja ddur max-xemx imma li x-xemx iddur mad-dinja, Darwin li skopra li aħna ġejjin mix-xadini u Freud li skopra kemm għandna forzi inkonxji jaħdmu ġewwa fina li jiddeterminaw dak li nagħmlu. Din it-tip ta’ viżjoni, konxjament kif ukoll inkonxjament wasslet għal poeżija differenti minn dik li konna mdorrijin biha. Il-poeżija trijonfalistika (li tfaħħar) u romantikament solitarja issa saret għandha bixra aktar eżistenzjali. Il-bniedem bħal qisu ħa x-xokk tas-seklu - seklu li kif nafu kien wieħed ‘iswed’ f’ħafna aspetti, minkejja l-kisbiet il-kbar li seħħew fit-teknoloġija. Iswed għax kixef wisq ‘veritajiet’ dwar il-bniedem. U forsi huwa minħabba f’hekk li l-poeżija saret aktar ‘sewda’, kritika, sarkastika u melankonika. Il-melankonija hawnhekk madanakollu tinħass li kienet aktar ‘klinika’ milli romantika. Kienet il-poeżija ta’ Rużar Briffa li qabbdet din it-triq, għalkemm din kienet għadha marbut bis-sħIħ mal-viżjoni romantika. Hawnhekk il-poeta ta’ Quo Vadis jibqa’ jaħseb u jirrifletti billi jimmetamorfizza ruħu f’ħarruba xiħa mbiegħda mill-bqija tan-nies. FL-istess ħin jibqa’ wkoll b’dak il-kredu ta’ jiena u huma, żewġ naħiet li għal xi raġuni jew oħra ma setgħu jiltaqgħu qatt. Marjanu Vella, min-naħa l-oħra jidher li kellhom il-gawwi għaddej il-ħin kollu minn quddiem għajnejh. U dan il-gawwi ma kienx ġlief il-mistoqsijiet il-kbar ta’ l-eżistenza li fihom tinġabar ir-raġuni li għalihom il-bniedem qiegħed jgħix. Madankollu jidher li kien Oliver Friġġieri li ntrikeb l-aktar minn din il-‘burdata’, jew aħjar forsi ‘mood’ eżistenzjalista. Il-poeżija tiegħu fiha ‘xitwa’ waħda, qagħda ta’ ruħ waħda, ‘viżjoni’ waħda. Forsi hawn min jgħid li huwa l-bniedem fi stadju ta’ luttu kontinwu. Entropiku fil-viżjoni bil-kosmos se jaqa’ l-ħin kollu u bir-repetizzjoni tal-vers endekasillabu l-poeta jipprova jiddendel ma’ l-uniku musbieħ li għandu jiġifieri l-poeżija. Mario Azzopardi wkoll jidher mikdud ħafna hekk kif jara lilu nnifsu ma jistax jikkomunikaw mal-bqijiet l-oħra tal-kredu tas-simboliżmu interazzjonali. U la ommu u la ħutu u la l-bqija tal-Maltin u la l-bqija ta’ l-univers ma jistgħu b’xi mod isiru parti minnu biex b’hekk xi darba jkun jista’ jqum u jgħanni l-innu tal-fidwa ta’ Ġesù - ir-redentur per eċċellenza tal-bniedem li jiġbor fih l-essenza tal-fidwa arketipika. Sadattant madanakollu huwa joħroġ ftit’il barra minnu nnifsu biex ‘joffendi’ lill-bqija ta’ l-umanità, biex mbagħad jerġa’ jidħol fl-għar tal-mistiċIżmu profond tiegħu - l-arti u l-elixir ta’ dak li talbilħaqq jgħodd,’il bogħod mill-parafernalja u r-ritwaliżmu ta’ poplu stordut bil-murtali tal-festa u l-piroteknika tal-politika. Daniel Massa jidher li ntrikeb l-aktar minn eros aktar milli minn thanatos - mix-xewqa tal-ħajja aktar milli mix-xewqa tal-mewt. Għalhekk hawnhekk ix-xemx mhijiex żlugata bħal dik ta’ Azzopardi, lanqas imkeffna bħal dik ta’ Friġġieri u wisq anqas bil-gawwi bħal dik ta’ Marjanu, imma pjuttost tgħajjat kif tgħajjat b’ilwienha, x’imkien in-naħa ta’ Selmun u l-art Maltija qabel din ukoll ingħatat id-daqqa tal-mewt bil-miġja tal-‘progress’. Ma jonqsux waqtiet madankollu li qtigħ il-qalb quddiem ix-xeni ta’ l-abort nazzjonali li kien qiegħed isir fis-snin sittin u l-qerda tal-liberta’ ta’ l-individwu quddiem l-arroganza tal-politikanti aktar qrib lejnna. Madanakollu l-eżistenzjaliżmu ma jidhirx li kien imlaħħam fil-lirika tiegħu. Hawn min huwa tal-fehma li huwa kien influwenzat bis-sħIħ mill-metafiżiku aktar milli minn xi ħaġa oħra. Din il-mixja ħafifa fil-letteratura Maltija turina dak li bdejna bih. Il-bniedem jgħaddi minn dak li llum ngħidu ‘mowd’ għall-ieħor - mir-romantiku għall-modern għall-postmodern. F’kull qagħda minn dawn il-bniedem jipprova jibqa’ jemmen bis-sħIħ f’ “the steadfastness of the articulation of speech’ (Osip Mandelstam) li mhijiex ħaġa oħra ħlief il-poeżija.
Posted on: Tue, 11 Nov 2014 12:32:36 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015