TITWETTAQ IL-WEGĦDA TAL-LIĠI TAL-WHISTLEBLOWER 16 July 2013 at - TopicsExpress



          

TITWETTAQ IL-WEGĦDA TAL-LIĠI TAL-WHISTLEBLOWER 16 July 2013 at 23:48 Il-Kamra tad-Deputati llejla se tapprova l-liġi tal-whistleblower u b’hekk il-Gvern se jkun wettaq wegħda elettorali kruċjali favur politika nadifa. Dan intqal mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja. Dr. Muscat qal li, fl-ewwel erba’ xhur tiegħu, dan il-Gvern wettaq ferm aktar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni milli għamel il-gvern preċedenti f’25 sena. Il-Prim Ministru qal li bit-tneħħija tal-liġi tal-preskrizzjoni fl-aħħar ta’ Mejju li għadda u issa bid-dħul tal-liġi tal-whistleblower, ċittadin li jgħaddi informazzjoni se jibda jiġi protett filwaqt li l-politiku li jinkixef se jibda jiffaċċja passi kontrih jgħaddi kemm jgħaddi żmien. Sa tmiem din is-sena se tidħol ukoll fis-seħħ il-ligi dwar il-finanzjament tal-partiti, li titqies bħala t-tielet għodda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Liġi differenti minn ta’ qabel Il-Prim Ministru qal li l-liġi tal-whistleblower mressqa mill-Gvern għandha differenzi speċifiċi u importanti ħafna mill-abbozz li tħejja mill-gvern ta’ qabel u li qatt ma ġie diskuss fil-Parlament. L-abbozz preċedenti kien jaħseb biss biex tingħata protezzjoni lil min jikxef informazzjoni dwar każijiet li jkunu qed iseħħu mid-data li tkun daħlet fis-seħħ il-liġi ’l quddiem. Bil-liġi proposta issa mill-Gvern, m’hemm l-ebda limitu ta’ żmien kemm wieħed jista’ jmur lura biex jikxef l-informazzjoni. Din timxi id f’id mal-liġi dwar it-tneħħija tal-preskrizzjoni għax se twassal lill-politiku biex ma jsibx kenn wara l-preskrizzjoni. Il-liġi ta’ qabel kienet timplika li jittieħdu passi kontra min kien il-whistleblower. Issa l-liġi l-ġdida se tagħti inċentiv lil min jikxef l-informazzjoni. Il-Prim Ministru iżda wissa kontra min jaqla’ qlajjiet fuq ħaddieħor u qal li se jittieħdu passi bil-liġi kontrih. Qal li l-liġi mhix xi kruċjata kontra l-gvern ta’ qabel għax l-informazzjoni li se tinkixef tista’ tkun kontra kwalunkwe gvern preċedenti. Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, Dr. Owen Bonnici, qal li l-liġi se tbiddel il-kultura tal- pajjiż billi żżid it-trasparenza fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa. Dr. Bonnici qal li l-liġi taħseb biex tinċentiva lil min jikxef il-ħażen, fosthom billi tagħtih immunità u identità ġdida. Ħabbar li se jitwaqqfu “units” f’kumpaniji tal-Gvern u anke privati bl-obbligu li jinvestigaw każi ta’ kxif ta’ informazzjoni. Il-liġi l-ġdida taħseb biex tingħata fiduċja lill-organi kostituzzjonali tal-pajjiz. L-identità ta’ min jikxef tiġi żvelata biss dment li l-persuna taqbel bil-miktub li l-identità tagħha tista’ tinkixef. L-Awditur Ġenerali u l-Enemalta Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru esprima t-tama li tingħadda aktar informazzjoni dwar każijiet bħal tal-BWSC u dwar kuntratti pubbliċi li ngħataw matul is-snin. Huwa rrefera wkoll dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta u qal li, la qatt ħadd ma ħa miżuri kontra dak li sar, il-Kap tal-Oppożiżżjoni issa għandu obbligu li jitkellem b’mod ċar dwar min se jerfa’ r-responsabbiltà. L-Immigrazzjoni Meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li mhux sodisfatt bis-sitwazzjoni fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa tal-immigranti irregolari. Qal li mill-ġimgħa l-oħra l-mezzi tax-xandir ingħataw aċċess bla ebda restrizzjoni biex jidħlu fiċ-ċentri u jirrapportaw dwar il-qagħda. Qal li ż-żieda ta’ għajnuna fi flus mill-Unjoni Ewropea hija parti biss mis-soluzzjoni iżda qal li jemmen li l-Ewropa intebħet li trid tintervjeni. Il-Prim Ministru qal li l-ġimgħa d-dieħla l-Ministru għall-Intern u Sigurtà Manuel Mallia se jiltaqa’ mal-Kummissarju Cecilia Malström filwaqt li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella se jiltaqa’ mal-viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Lady Ashton sabiex jiddiskutu l-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-aħħar żviluppi mal-Libya. Dr. Muscat qal li llum stess huwa se jerġa’ jitkellem bit-telefon mal-Prim Ministru Grieg Antonis Samaras filwaqt li aktar tard dan ix-xahar il-Prim Ministru Taljan se jkun il-Greċja biex jiddiskuti x’azzjoni se tieħu l-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Il-Prim Ministru qal li għalkemm l-immigrazzjoni tinsab fuq l-agenda Ewropea u issa rajna l-ewwel ċaqlieq xorta għadna ferm bogħod minn soluzzjoni. Qal li fl-istess nifs li Malta għolliet leħinha fl-Unjoni Ewropea xorta kienet qed issalva n-nies mill-baħar. B’dak li għamlet Malta wriet li biddlet il-politika tagħha u mhux se toqgħod għal kollox. Sehem il-Membri Parlamentari Il-Prim Ministru semma wkoll ir-rwol li l-membri parlamentari se jkollhom f’entitajiet governattivi. Ħabbar li kien il-Gvern li mar għand l-Avukat Generali b’ideat sabiex f’għadd ta’ entitajiet ikun hemm membru parlamentari fit-tmexxija. L-Avukat Ġenerali min-naħa tiegħu ressaq proposti dwar diversi entitajiet li huwa jemmen li hemm bżonn li jaqgħu taħt dis-sistema. Fakkar li din il-prattika bdiet taħt l-gvern preċedenti fejn membri parlamentari kienu jmexxu l-MCST u l-BICC. Il-prattika tal-gvern se tkun l-istess. Il-Prim Ministru qal li jkun aħjar li jkun hemm membri parlamentari li jkunu qed jaqdu rwol regolat mil-liġi aktar milli jinħolqu karigi bħal dawk t’assistent parlamentari li kienu qed jitħallsu bla ma jkunu regolati. Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal ingaġġ ta’ kumpaniji għal servizzi legali lill-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Qal li l-proċess ma kienx ta’ tender u flok il-Ministeru qabad u ta direct order, kif kien isir mill-gvern preċedenti, fetaħ il-proċess għal sejħa ta’ interess.
Posted on: Wed, 17 Jul 2013 07:27:12 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015