Titjib tal-prodott turistiku ta’ Għawdex permezz ta’ fondi - TopicsExpress



          

Titjib tal-prodott turistiku ta’ Għawdex permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea Permezz ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni u ta’ infrastruttura fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna, il-kunsilli lokali qegħdin itejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u tal-prodott turistiku f’pajjiżna. Dan għandu sinifikat speċjali f’Għawdex, li fl-aħħar snin ġie żviluppat bħala gżira ekoloġika b’investiment f’niċeċ turistiċi speċifiċi bħall-agrituriżmu, it-turiżmu kulturali u l-ekoturiżmu. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żewġ żjarat fil-lokalità ta’ San Lawrenz u fil-mużew Heart of Gozo – Il-Ħaġar f’Victoria. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar diversi proġetti li qed jiġu koordinati mill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, inkluż iċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni fid-Dwejra, li tlesta flimkien mal-Università ta’ Malta u li qed jeduka lill-pubbliku u lit-turisti dwar l-ekoloġija marittima u ambjentali ta’ Għawdex, u x-xogħlijiet ta’ pavimentar fil-pjazza u z-zuntier tal-Knisja ta’ San Lawrenz. Dawn il-proġetti kollha saru permezz ta’ fondi Ewropej, li huma xhieda tal-opportunitajiet kbar li jeżistu biex jiġu riġenerati l-lokalitajiet tagħna. L-appell tal-Partit Nazzjonalista hu li l-Gvern ikompli jagħti għajnuna lill-kunsilli lokali biex japplikaw għall-fondi u li hu stess jagħmel l-aħjar użu mill-fondi li huma disponibbli għalih, qal Dr Busuttil. Is-Sindku ta’ San Lawrenz Anthony Formosa tkellem dwar l-isfidi li qed jaffaċċja l-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, flimkien ma’ kunsilli oħrajn madwar Għawdex. Fost l-oħrajn, is-Sindku lmenta li l-Ministru ta’ Għawdex qed jitlob lura l-ħaddiema li kienu assenjati lill-kunsilli lokali bir-riżultat li l-kunsilli jispiċċaw mingħajr riżorsi umani. Fl-istess ħin, għall-ewwel darba f’iżjed minn għoxrin sena, il-baġit dirett allokat għall-kunsilli lokali naqas. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll il-mużew “Heart of Gozo - Il-Ħaġar” ġewwa Victoria, li wkoll sar b’fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett jinvolvi r-restawr u l-konverżjoni ta’ tliet djar antiki fil-qalba ta’ Victoria f’mużew u ċentru kulturali li jinkludi kollezzjoni kbira tal-arti, skultura u teżori oħrajn. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Chris Said, id-deputati Giovanna Debono u Frederick Azzopardi u mill-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.
Posted on: Mon, 16 Sep 2013 21:05:17 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015